L-Erbghat ta’ Santa Marija

May 6, 2013


Mejju huwa x-xahar li fih naghtu bidu ghall-hmistax-il erbgha ta’ Santa Marija.  Illum l-ewwel tax-xahar tahbat l-ewwel minn dawn l-erbghat preparattivi ghas-solennita’ tal-Assunta.

Id-devozzjoni tal-Erbgħat tal-Madonna tmur lura għas-Sena Mqaddsa 1500.  L-Erbgħa, 24 ta’ Ġunju 1500, Federiku t’Aragona (19 t’April 1452 – 9 November 1504), re ta’ Napli, ta’ Sqallija, u anki ta’ Malta u Għawdex, ġabar il-morda kollha ta’ Napli fil-Knisja tal-Madonna tal-Karmnu biex jitolbu ’l Madonna l-fejqan li tant kienu jixtiequ. Jingħad li fil-mument tal-Konsagrazzjoni ħareġ dawl qawwi minn inkwadru devot tal-Madonna u fejjaq il-morda kollha.

Id-devozzjoni tal-Erbgħat tal-Madonna xterdet bis-sħiħ minn San Alfonz Marija de Liguori li kiteb u għallem li “id-demonju minn dejjem beża’ mill-vera devozzjoni lejn il-Madonna, għax din id-devozzjoni hi sinjal ta’ predestinazzjoni”. Hekk bdiet id-devozzjoni tal-Erbgħat tal-Madonna. F’relazzjoni ma’ Santa Marija, intgħażlu ħmistax-il Erbgħa u ħmistax-il jum jew kwindiċina – aktarx b’rabta mad-data tal-ħmistax t’Awwissu, festa ta’ Santa Marija.

L-Erbgħat ta’ Santa Marija huma okkażjoni sabiħa biex nippreparaw għall-festa tal-Patruna Tagħna. Tajjeb li bħala  Komunità  Parrokkjali niġu l-Katidral u nitolbu lil Santa Marija u nieħdu sehem waqt il-quddiesa.  Jalla Ommna Santa Marija tkun għalina lkoll dik l-Omm li tressaqna lejn Binha Ġesù li huwa dejjem magħna fil-Komunità Ekkleżjali.

Huwa dmir u pjaċir tagħna li nkomplu din it-tradizzjoni u d-devozzjoni tal-Erbgħat ta’ Santa Marija.  Ejjew ilkoll flimkien kull nhar t’Erbgħa, niċċelebraw il-Quddiesa tas-7.15pm bis-sehem tas-Saċerdoti tal-Parroċċa tagħna u tal-kor tal-Parroċċa.

Fis-6.45pm ikollna r-Rużarju meditat immexxi minn xi grupp fi ħdan il-Komunità Parrokkjali.

Għalhekk, kull nhar t’Erbgħa, wara l-quddiesa tas-7.15pm u wara l-quddiesa tad-9pm, se jittellgħu bix-xorti 3 numri fost il-familji li jkunu preżenti għall-quddiesa, u 3 ismijiet oħra ta’ familji tal-parroċċa (li mhux neċessarjament ikunu preżenti għall-quddiesa !). Lil dawn, jingħatalhom l-Inkwadru ta’ Santa Marija biex jinżamm f’darhom għal ġimgħa sħiħa, sal-Erbgħa ta’ wara, biex quddiemu, il-familja kollha tinġabar fit-talb.

It-Tlugħ fis-Sema bir-Ruħ u l-Ġisem ta’ Sidtna Marija hu wieħed mill-aqwa sinjali li Alla l-Missier  tana wara l-Qawmien ta’ Ibnu Ġesù, fil-mixja  tagħna l-bnedmin lejn il-milja tal-eżistenza tagħna, jigifieri li nkunu bħal Santa Marija u magħha għall-eternità  flimkien mal-angli  u l-qaddisin kollha.

Ejjew inkomplu nqimu u nagħrfu lil Santa Marija bħala Ommna u nagħmlu ħilitna biex ngħixu bħala uliedha b’imġiba tajba ma’ ħutna u mal-proxxmu tagħna kollu.