L-Avvent

December 5, 2013


Is-Sena tal-Knisja, li tissejjaħ is-Sena Liturġika, tibda l-Ħadd ta’ wara s-Sollennità ta’ Kristu Sultan, biż-Żmien tal-Avvent u tal-Milied.  Wara xi ftit Ħdud, jasal iż-Żmien tar-Randan u tal-Għid il-Kbir sa Għid il-Ħamsin.  Il-bqija tas-Sena, sal-Festa ta’ Kristu Re, hu ż-Żmien ta’ Matul is-Sena.

Il-kelma ‘Avvent’ ġejja mill-Latin ‘Adventus’, li tfisser ‘miġja’, għaliex huwa żmien li fih nistennew iċ-ċelebrazzjoni tat-Twelid ta’ Kristu. Is-sekli twal li fihon il-poplu Lhudi kien jistenna il-miġja tal-Messija, nistgħu ukoll insejhulhom Avvent.

Izda l-Avvent mhux biss tħejjija għall-Milied, izda għandu jkun tħejjija għall-Miġja ta’ Kristu, meta għad jidher bħala Mħallef fl-aħħar taż-żminijiet.  Hekk nistgħu ngħidu li ħajjitna kollha għandha tkun Avvent – jiġifieri, stennija, preparazzjoni għal meta niltaqgħu mal-Mulej.

Matul l-Avvent nistgħu nħejju ruħna għall-miġja tal-Mulej billi, naqraw u nimmeditaw iktar il-Kelma t’Alla u nħalluha tagħmel il-frott fina.  Nistgħu nitolbu aħjar, b’iżjed ġabra, nippruvaw nisimgħu quddiesa kuljum, nersqu għas-sagramenti tal-Qrar u t-Tqarbin, insewwu xi inġustizzji, xi tilwim li jista’ jkollna mal-proxxmu tagħna, nagħtu karità, niċċaħdu xi ftit aħna biex inferrħu lill-oħrajn.

Tkun ħasra kbira jekk inżejnu djarna, it-toroq tagħna, il-ħwienet u l-ambjent kollu ta’madwarna, u mbagħad ma nżejnux ruħna bil-grazzja t’Alla, bil-paċi u bil-ferħ veru li Ġesù biss jista’ jagħtina.

Din is-sena 2013 l-Avvent beda nhar il-Ħadd, 1 ta’ Diċembru.  Ikun jiswa lilna jekk nagħmlu kull ma nistgħu biex nattendu għan-Novena u għall-Pontifikal ta’ lejliet il-Milied kif ukoll għaċ-Ċelebrazzjonijiet l-oħra li jsiru f’dan iż-żmien fil-Katidral.

——————————————————

 

Is-Salib li hemm fuq il-lemien tal-presbiterju, huwa dak s-Salib li l-Isqof ta’Għawdex, Mario Grech, matul iċ-ċelebrażżjoni Djoċesan ta’ Kristu Re, ta lil Parroċċi kollha ta’Djoċesi għaż-żmien tal-Vista Pastorli. L-erba xemat ifkkruna fl-erba t-Ħdud,  fil-Mixja matul l-Avvent.