Arcipriet

Dun Ġużepp Attard, twieled in-Nadur-Għawdex, nhar is-7 ta’ Mejju 1946, bin Koronat u Anna neè Tabone. Beda t-tagħlim tiegħu fl-iskola tas-Sorijiet Franġiskani, in-Nadur, u kompla l-iskola primarja tal-Gvern fl-istess raħal. Għamel il-kors tal-iskola sekondarja fis-Seminarju Minuri tal-Qalb ta’ Ġesù. Fl-istess Seminarju kompla l-istudji tiegħu fil-Filosofija u t-Teoloġija.

Kien ordnat qassis mill-E.T. Mons. Nikol Ġ. Cauchi, isqof ta’ Għawdex, fil-parrocca tal-Qalb ta’ Gesù, il-Fontana, nhar l-24 ta’ Gunju 1972.

F’Settembru ta’ l-istess sena beda l-ħidma tiegħu fil-Parrocca ta’ Santa Katerina ta’ Siena f’Ruma u kontemporanjament beda l-kors tal-Liċenzjat fit-Teoloġija Pastorali fl-Università Lateranensi. Wara tliet snin, Dun Ġużepp kien trasferit fil-parrocca tan-Natività fejn qatta’ għaxar snin f’ħidma pastorali attiva u intensa.

Fis-sena 1985, inħatar kappillan tal-parrocca ta’ Sant’Injazju ta’ Antijokja, f’Ruma – parroċċa b’popolazzjoni ta’ madwar 10,000 ruħ. Dam imexxi din il-parroċċa għal 22 sena. Fil-ħidma fost din il-komunità, kellu l-għajnuna ta’ diversi saċerdoti Għawdxin u Maltin. Bil-ħidma siewja tiegħu, il-parroċċa saret punt ta’ aggregazzjoni importanti fil-kwartier Appio Claudio fis-sud-est ta’ Ruma.

Fis-sena 1997, ingħata t-titlu ta’ Monsinjur b’rikonoxxenza għall-ħidma pastorali li wettaq fid-Djoċesi ta’ Ruma. Għal xi żmien kien ukoll membru f’diversi organi tad-djoċesi, fosthom fil-Kunsill Presbiterali.

F’Settembu 2007, l-isqof Mario Grech ħatru arċipriet tal-Katidral ta’ Għawdex.